Istituzzjonijiet u aġenziji tal-UE
L-EFSA għandha kuntatti regolari mal-maniġers tar-riskji u ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-sistema tas-sigurtà tal-ikel tal-UE: Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE. Dawn huma l-utenti ewlenin tal-parir xjentifiku tal-EFSA.
L-EFSA għandha wkoll rabtiet ma’ aġenziji u korpi oħra tal-UE li jwettqu valutazzjonijiet xjentifiċi, riċerka u ġbir ta’ data f’oqsma relatati max-xogħol tal-EFSA, eż. is-sigurtà kimika, is-sigurtà mikrobijoloġika, l-għalf, l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.
Istituzzjonijiet tal-UE: maniġers tar-riskji u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet
Il-maniġers tar-riskji tal-UE jagħmlu politiki Ewropej u jieħdu deċiżjonijiet dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tar-riskji f’dak li jirrigwarda l-katina alimentari, inkluż f’kuntesti internazzjonali bħall-kummerċ.
- Huma jadottaw jew jirrevedu l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-ikel jew tal-għalf, jiddeċiedu jekk japprovawx sustanzi regolati bħal pestiċidi u addittivi tal-ikel, jew jiżviluppaw politiki ġodda, pereżempju, f’oqsma emerġenti bħall-klonazzjoni jew l-ikel sintetiku.
- Id-djalogu tal-EFSA mal-maniġers tar-riskji tal-UE jiżgura li l-parir xjentifiku tagħha jkun utli, f’waqtu u jipprovdi bażi xjentifika soda għall-ġestjoni tar-riskju tal-katina alimentari, kemm f’ċirkostanzi normali kif ukoll matul emerġenzi relatati mal-ikel. L-opinjonijiet u l-pariri xjentifiċi tagħna jappoġġaw lill-maniġers tar-riskji u spiss jikkontribwixxu direttament għal politiki speċifiċi u għal-liġi Ewropea.
- Il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol ewlieni fil-ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-UE u hija r-rikjedenti ewlenija tal-parir xjentifiku tal-EFSA. L-EFSA tikkollabora mad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) biex tiddiskuti r-rekwiżiti speċifiċi tat-talbiet, tipprijoritizza x-xogħol xjentifiku u tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-iskadenzi leġiżlattivi. Id-DĠ SANTE huwa rrappreżentat fuq il-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA u l-uffiċjali tiegħu jattendu regolarment il-laqgħat xjentifiċi u l-laqgħat tal-partijiet ikkonċernati tal-Awtorità bħala osservaturi.
- Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (il-Kumitat ENVI) tal-Parlament Ewropew għandu rwol importanti fil-leġiżlazzjoni relatata mal-biċċa l-kbira mill-oqsma tas-settur tal-ikel koperti mill-EFSA. Kull sena d-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità jinforma lill-Kumitat ENVI dwar ix-xogħol reċenti u l-prijoritajiet futuri tal-Awtorità u jwieġeb mistoqsijiet minn Membri tal-Parlament Ewropew.
- L-EFSA hija mistiedna wkoll għal-laqgħat rilevanti ta’ kumitati oħra (l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur, il-kontroll baġitarju) biex jiġi offrut kontribut lill-Parlament dwar kwistjonijiet xjentifiċi fl-oqsma tal-għarfien espert tagħha.
Aġenziji tal-UE, korpi konsultattivi u ta’ riċerka
L-EFSA u aġenziji oħra tal-UE jikkooperaw regolarment dwar outputs xjentifiċi konġunti u jiskambjaw appoġġ jew data xjentifika biex jikkontribwixxu għax-xogħol ta’ xulxin.
- L-EFSA tappartjeni għan-Network tal-aġenziji tal-UE, li jipprovdi forum għall-iskambju ta’ fehmiet u esperjenzi dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni u żviluppi ġodda.
- L-EFSA hija membru tan-network tal-Aġenziji tal-UE għal parir xjentifiku (EU-ANSA).
L-EFSA għandha ftehimiet ta’ kooperazzjoni (“Memoranda ta’ Qbil”) mat-tliet sħab ewlenin tagħha tal-aġenziji tal-UE:
- L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini – għal aktar kooperazzjoni f’oqsma relatati (eż. mediċini veterinarji) u għall-ottimizzazzjoni tal-approċċi tal-valutazzjoni tar-riskju fl-UE kollha.
- L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi – biex tiżviluppa aktar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-kooperazzjoni u l-fehim reċiproku, tistabbilixxi prattiki ta’ xogħol għal sustanzi b’kuntest ta’ sigurtà tal-ikel.
- Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard – biex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni xjentifika dwar is-sigurtà tal-ikel, il-mard komunikabbli, il-prevenzjoni ta’ mard infettiv u r-rispons għal emerġenza.
- L-EFSA ffirmat Ftehimiet ta’ Kollaborazzjoni suċċessivi mas-servizz xjentifiku intern tal-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u n-nutrizzjoni.
- L-EFSA bħalissa qed tesplora l-kooperazzjoni mal-EEA fl-oqsma tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali.
L-EFSA tikkondividi informazzjoni xjentifika mal-kumitati regolatorji tal-Kummissjoni Ewropea, kemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, kif ukoll iż-żewġ Kumitati Permanenti mhux tal-ikel (dwar is-sikurezza tal-konsumatur, u s-saħħa, l-ambjent u r-riskji emerġenti). Il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida għal dan it-tip ta’ kooperazzjoni xjentifika.
Dokumenti
- Memorandum of Understanding between EFSA and EMA
- Memorandum of Understanding between EFSA and ECHA
- Memorandum of Understanding between EFSA and ECDC
- Collaboration agreement between EFSA and JRC
- Guidelines for sharing scientific data between EU agencies and the Scientific Committees
- Interagency Scientific Cooperation - 2015 Annual Report