Skip to main content

Organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri

Aktar minn 300 università, istitut, korp governattiv, pubbliku u korpi xjentifiċi oħra attwalment jiffurmaw network ta’ organizzazzjonijiet tal-Istati Membri attivi f’oqsma fi ħdan il-missjoni tal-EFSA.

L-EFSA tippromwovi r-rabtiet bejn dawn l-organizzazzjonijiet permezz tal-koordinazzjoni ta’ attivitajiet konġunti, l-iskambju ta’ informazzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti xjentifiċi konġunti. Dan in-networking ikompli jagħti spinta lill-kondiviżjoni tal-għarfien espert u tal-aħjar prattiki f’dawn l-oqsma xjentifiċi.

L-organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri jwettqu diversi kompiti b’appoġġ għax-xogħol tal-EFSA, inkluż ix-xogħol preparatorju għal opinjonijiet xjentifiċi, assistenza xjentifika u teknika, il-ġbir ta’ data, u l-identifikazzjoni ta’ riskji emerġenti. Xi wħud minn dawn il-kompiti jistgħu jiġu appoġġati finanzjarjament, fil-forma ta’ għotjiet.

L-organizzazzjonijiet fuq il-Lista tal-Organizzazzjonijiet Kompetenti (magħrufa wkoll bħala l-Lista tal-Artikolu 36) biss huma eliġibbli biex jirċievu għotjiet. L-istabbiliment tal-Lista ta’ Organizzazzjonijiet Kompetenti nnominati mill-Istati Membri huwa meħtieġ skont l-Artikolu 36 tar-regolament ta’ twaqqif tal-EFSA.

Fl-2019, il-Lista ta’ Organizzazzjonijiet Kompetenti ġiet imġedda, bl-applikazzjoni ta’ proċess u għodda ġodda.

Il-lista tinżamm aġġornata fuq bażi kontinwa. Il-pajjiżi, eliġibbli biex jinnominaw organizzazzjonijiet għal-Lista, huma l-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja.

Hawn taħt issib tweġibiet għal xi wħud mill-mistoqsijiet l-aktar frekwenti. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Punt Fokali nazzjonali tal-EFSA tiegħek jew lill-EFSA (cooperation.article36 [at] efsa.europa.eu).

Mistoqsijiet Frekwenti

1. X’inhuma “organizzazzjonijiet kompetenti”?

It-terminu oriġina fl-Artikolu 36 tar-regolament ta’ twaqqif tal-EFSA (Regolament 178/2002), u din hija r-raġuni għalfejn dawn l-organizzazzjonijiet huma magħrufa wkoll bħala “organizzazzjonijiet tal-Artikolu 36”.

L-organizzazzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala organizzazzjonijiet kompetenti jekk dawn:

  • huma attivi f’oqsma fi ħdan il-missjoni tal-EFSA;
  • jissodisfaw sett ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà, li jiżgura pereżempju l-indipendenza u l-kompetenza xjentifika; u
  • jiġu nnominati minn Stat Membru għall-inklużjoni fil-Lista ta’ Organizzazzjonijiet Kompetenti.

2. Organizzazzjoni kif tiġi nnominata minn Stat Membru?

L-organizzazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni (Regolament 2230/2004) jistgħu jiġu nnominati mill-Istati Membri għall-inklużjoni fil-lista. Il-Punti Fokali Nazzjonali tal-EFSA jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tal-pajjiżi tagħhom fil-proċess ta’ deżinjazzjoni. Il-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA jaġġorna b’mod regolari l-Lista ta’ Organizzazzjonijiet Kompetenti abbażi ta’ dan il-kontribut mill-Istati Membri.

3. Il-lista kif tiġi aġġornata?

Il-lista tal-Organizzazzjonijiet Kompetenti tiġi aġġornata kontinwament mill-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA. L-għan huwa li l-lista tinżamm aġġornata u utli għan-networking, billi jiġu inklużi organizzazzjonijiet ġodda nnominati mill-Istati Membri u jitneħħew l-organizzazzjonijiet li jkunu ġew irtirati.

Il-punti Fokali nazzjonali tal-EFSA jappoġġaw u jiffaċilitaw iż-żamma tal-lista fil-livell nazzjonali.

4. X’inhu r-rwol tal-Punt Fokali fl-aġġornament tal-lista?

Il-Punti Fokali għandhom il-kompitu li jiffaċilitaw u jappoġġaw il-ġestjoni tal-Lista ta’ Organizzazzjonijiet Kompetenti fil-livell nazzjonali.

B’mod speċifiku, il-Punti Fokali nazzjonali tal-EFSA jikkollaboraw mal-organizzazzjonijiet u ma’ atturi oħra f’pajjiżhom biex:

  • jinżammu kuntatti attivi man-network ta’ organizzazzjonijiet kompetenti;
  • tinġabar informazzjoni dwar organizzazzjoni, biex tippermetti l-kontroll tal-konformità fil-livell nazzjonali;
  • jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-konformità fil-livell nazzjonali;
  • tiġi appoġġata l-proċedura ta’ deżinjazzjoni fil-livell nazzjonali;
  • isir kuntatt mal-EFSA biex tissorvelja l-proċess tal-aġġornament tal-Lista ta’ Organizzazzjonijiet Kompetenti għal pajjiżhom.

5. Liema huma l-perjodi ta’ żmien għall-aġġornament tal-lista?

L-inklużjoni ta’ organizzazzjonijiet ġodda fil-lista hija awtorizzata mill-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA, li jiltaqa’ regolarment erba’ darbiet fis-sena. Deżinjazzjonijiet ġodda jew bidliet sostanzjali lill-organizzazzjonijiet jeħtieġ li jintbagħtu lill-EFSA mir-rappreżentanza permanenti tal-pajjiż/mill-missjoni għall-UE fi Brussell mill-inqas xahar qabel il-laqgħa tal-Bord ta’ Ġestjoni.

L-organizzazzjonijiet jistgħu jaġġornaw id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom direttament online.

6. X’għandha tagħmel organizzazzjoni jekk trid tingħaqad mal-lista?

Organizzazzjoni interessata li tingħaqad mal-lista għandha tikkuntattja l-Punt Fokali nazzjonali tagħha, li jispjega l-proċedura.

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Punti Fokali huma disponibbli fuq is-sit web tal-EFSA hawnhekk.

7. X’għandha tagħmel organizzazzjoni kompetenti fil-lista jekk ikun hemm bidliet fl-organizzazzjoni?

Jekk ikun hemm xi bidliet għall-organizzazzjonijiet fil-lista, il-Punt Fokali rispettiv għandu jiġi infurmat immedjatament. Il-Punt Fokali jivverifika t-tip ta’ bidliet u jappoġġa l-bidu tal-proċeduri rilevanti kif xieraq.