Prattiki tax-xogħol
Il-fluss tax-xogħol għall-outputs xjentifiċi tal-EFSA jibda mill-mument li l-EFSA tirċievi talba għal parir xjentifiku jew tibda l-attività proprja tagħha u jibqa’ għaddej sal-mument li tippubblika s-sejbiet tagħha.
Hemm tliet stadji ewlenin:
- Talba
- Valutazzjoni
- Adozzjoni
I. Talba
L-EFSA tirċievi talbiet għal parir xjentifiku prinċipalment mill-Kummissjoni Ewropea, iżda wkoll mill-Parlament Ewropew jew mill-Istati Membri. It-talba tiddeskrivi x’qed jintalab mill-EFSA: il-kwistjoni, it-termini ta’ referenza, l-iskeda taż-żmien u affarijiet simili.
- Malli tirċievi talba, l-EFSA tqis il-kontenut tagħha, tiddiskutih mal-Kummissjoni u tindirizza kull kwistjoni li teħtieġ li tiġi kkjarifikata, bħall-fattibbiltà tad-data ta’ għeluq. Wara dawn id-diskussjonijiet, l-EFSA u l-Kummissjoni jaqblu dwar mandat, li jinkludi t-termini ta’ referenza finali u data ta’ għeluq miftiehma b’mod reċiproku.
- Għall-applikazzjonijiet tas-suq, l-EFSA tivvalida/tivverifika l-kompletezza tal-applikazzjoni u tista’ titlob aktar informazzjoni xjentifika mingħand l-applikant.
Il-mandat imbagħad jiġi assenjat lil wieħed mill-Bordijiet Xjentifiċi tal-EFSA jew lill-Kumitat Xjentifiku tagħha u jsir disponibbli fuq il-portal OpenEFSA.
II. Valutazzjoni
L-EFSA normalment twaqqaf Grupp ta’ Ħidma ta’ esperti biex iwettaq il-valutazzjoni tar-riskju.
- Il-grupp ta’ ħidma – li tipikament ikun magħmul minn membri tal-Bord flimkien ma’ xjenzati addizzjonali minn oqsma speċjalizzati – jivvaluta l-informazzjoni xjentifika disponibbli, li tista’ tinkludi data fornuta minn Stati Membri, istituti ta’ riċerka jew kumpaniji. Jekk ikun hemm bżonn ta’ aktar data, dan jista’ jagħmel użu min-networks tal-ġbir tad-data tal-EFSA jew joħroġ sejħa miftuħa għad-data fuq is-sit web tal-EFSA.
- Għall-applikazzjonijiet tal-kumpaniji, l-EFSA tista’ titlob aktar data direttament mingħand l-applikant – f’liema każ jieqaf jiskorri ż-żmien mill-iskeda regolatorja sakemm din tiġi pprovduta.
- Il-grupp ta’ ħidma jfassal abbozz u jippreżentah lill-Bord biex jiddiskutih.
Spiss ikollna konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-abbozzi tal-outputs u mbagħad nikkunsidraw il-kummenti fid-dokument rivedut.
III. Adozzjoni
- Il-valutazzjoni trid tiġi adottata minn maġġoranza tal-membri tal-Bord – filwaqt li tiġi rreġistrata kwalunkwe opinjoni tal-minoranza – f’seduta plenarja tal-Bord rilevanti.
- Jekk il-Bord ma jadottahx, id-dokument jintbagħat lura lill-grupp ta’ ħidma biex ikompli jiġi eżaminat u biex jitħejja abbozz rivedut għall-adozzjoni f’seduta plenarja sussegwenti.
L-output – li normalment ikun Opinjoni Xjentifika, iżda jista’ jkun Dikjarazzjoni, Dokument ta’ Gwida jew xi tip ieħor ta’ output – imbagħad jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-EFSA fil-Ġurnal tal-EFSA, il-ġurnal xjentifiku online tagħna b’aċċess miftuħ.